Is-sajd fis-Żurrieq fis-snin sittin
Lonzu D’Amato

Ritratt: kollezzjoni ta’ Guido Stilon

Lonzu D’Amato

Xi nies li żaru l-wirja tagħna Malta in Transition ta’ Guido Stilon għarfu ħbieb u membri tal-familja f’xi wħud mir-ritratti.

Ann Marie D’Amato għarfet lil bużnannuha Lonzu D’Amato f’ritratt ta’ sajjieda qed iniżżlu x-xbieki tagħhom maġenb it-triq li twassal għal Wied iż-Żurrieq fil-bidu tas-Sittinijiet.


Lonzu D’Amato twieled fl-1895 u trabba ż-Żurrieq, u għex hemm sakemm miet ta’ 86 sena. Huwa u martu Catherine kellhom ħamest itfal; Joseph, Ninu, Leli, Xandru, u Salvina. Sfortunatament, Salvina mietet tragikament ta’ 16-il sena f’inċident f’Wied iż-Żurrieq. L-istorja tgħid li bomba mhux sploduta nstabet minn raġel fejn il-grotta magħrufa bħala “il-Ħnejja”. Ġarrha sal-maħżen tiegħu fejn splodiet, u qatlet lilu u lil wieħed minn uliedu, u lil Salvina li dak il-ħin kienet qed tħit fuq l-għatba.

Lonzu għadda ħajtu sajjied, u ħadem l-art ukoll kull meta l-baħar kien ikun imqalleb wisq. Wieħed min-neputijiet tiegħu jiftakar lin-Nannu Lonzu jrabbi l-familja billi jistad minn fuq  kajjik bil-moqdief u bil-qlugħ; “Niftakru dieħel f’dawk in-nases kbar tal-qasab aħna u ngħaddu l-labra biex insewwu l-biċċiet li kien ikollhom il-ħsara”. 

Il-kamera ta’ Guido ġibdet lis-sajjieda waqt ħidmiethom b’ Filfla fl-isfond. Qabdithom preċiż fil-mument li Lonzu jiċċassa lejn il-lenti — mument li sar etern hekk kif iħares lejna minn fuq il-baħar ta’ kull żmien.

Charlo Pisani

Dawn kienu 3 aħwa.L-ewwel wieħed fuq il-lemin Alonzo magħruf bħala Lonzu. Kien raġel mibni sew. Tan-nofs Michelangelo magħruf bħala Kalanġ. Ipejjep daqs ċumnija u riżervat ħafna. L-ewwel fuq ix-xellug Francis magħruf bħala Frenċ, l-aktar wieħed intelliġenti tal-aħwa.  Id-dgħajsa tagħhom inħarqet fil-Marsa fejn kienet irmiġġata ħdejn il-maħżen ta’ Salvatore Caruana. Aktar tard kellhom oħra li kienu jżommuha Wied iż-Żurrieq.

Raymond Zammit

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *