Involvi ruħek magħna
Ritratt: kollezzjoni ta’ Guido Stilon
Woman looks into an image viewer, early 1960s
Involvi ruħek magħna
Mill-2017, Magna Żmien ġabret u ddiġitalizzat ammont kbir ta’ ħoss, xbihat u materjal awdjoviżiv li jmur lura għas-seklu għoxrin, kollu kemm hu marbut mal-Gżejjer Maltin u mad-dijaspora Maltija. Dan il-kontenut awdjoviżiv jingħata minn membri tal-pubbliku mill-kollezzjonijiet privati tagħhom sabiex jiġi ppreżervat, u biex Magna Żmien u kollaboraturi oħrajn ikunu jistgħu jinterpretaw dan il-materjal mill-ġdid.
Magna Żmien tixtieq tagħmel dan il-materjal disponibbli għall-artisti u r-riċerkaturi għall-iskop tar-riċerka artistika u storika, l-iżvilupp kreattiv u l-għarfien pubbliku. Dan l-aċċess jippermetti interpretazzjoni mill-ġdid u involviment imġedded mal-kollezzjonijiet diġitali. Madankollu, peress li dan il-materjal ikun ingħata b’mod ġeneruż minn membri tal-pubbliku, Magna Żmien għandha r-responsabbiltà li tiżgura li l-kontenut tal-arkivju tagħna jintuża b’mod rispettuż u f’konformità max-xewqat tad-donaturi, kif ukoll li titħares l-privatezza tagħhom.
Għal dan il-għan, Magna Żmien tilqa’ t-talbiet għall-kollaborazzjoni, iżda tirriżerva d-dritt li tqis kull talba skont il-mertu tagħha, u fil-limiti tar-riżorsi tal-organizzazzjoni. Għalkemm ma nistgħux ngħinu proġetti direttament b’mod finanzjarju, nistgħu nkunu sħab f’applikazzjonijiet ta’ finanzjament xierqa. Kollaborazzjonijiet passati jinkludu Ilħna Mitlufa, Etnika, Giulia Privitelli, Caroline Tonna, Fleeting Territories, Justine Balzan, u Timothy Garrett.
Sa Diċembru 2020 ġbarna aktar minn 8500 xbiha u reġistrazzjoni minn membri tal-pubbliku f’Malta. Aħna grati ħafna lil kull min ikompli jressqilna l-materjal biex nippreżervawh u nużawh.
Mill-2018 ’il hawn ippreżentajna l-istejjer tagħhom fi 11-il avveniment pubbliku, spettakli u wirjiet f’Malta u barra mill-pajjiż, f’Tuneż, Vjenna, Budapest u Londra. L-2021 mistenni jkun sena impenjattiva oħra ta’ kollaborazzjonijiet.
- 1615-il ritratt
- 5016-il negattiva
- 1065 slajd
- 296 8mm ta’ films
- 89 kasett awdjo
- 80 bobina miftuħa (żigarella)
- 605 fajls oħra minn sorsi diġitali
Nota ta’ Aċċess Ġenerali
Il-biċċa l-kbira tal-kollezzjonijiet li Magna Żmien taħdem bihom huma filmati, ritratti u reġistrazzjonijiet awdjo privati tal-membri tal-familja tad-donatur u tal-ħbieb tagħhom — li ħafna minnhom mietu minn dak iż-żmien ’il hawn. Dawn l-istampi qatt ma kienu maħsuba biex jidhru lil hinn minn ċirku żgħir ta’ ħbieb u familja. Minħabba r-responsabbiltà li ġejna fdati biha, noqogħdu attenti kif naqsmu dan il-kontenut.
F’xi każijiet, l-individwi jistgħu jidentifikaw membri tal-familja f’ritratti jew filmati li naqsmu online, jew f’wirjiet, u f’dawk il-każijiet nistgħu nipprovdu kopja lil dik il-persuna. Madankollu, dawn it-tipi ta’ talbiet mhux dejjem jistgħu jiġu ssodisfati, u m’għandniex il-kapaċità li nilqgħu talbiet biex infittxu l-kollezzjonijiet tagħna għal persuni jew postijiet partikolari.
Il-proċess ta’ kollaborazzjoni
Malli jsir l-ewwel kuntatt ma’ artist jew riċerkatur — idealment permezz tal-formola ta’ kuntatt tagħna — nitolbu xi informazzjoni bażika dwar il-proġett jew il-kollaborazzjoni li tkun qed tipproponielna, inklużi d-dati proposti, kollaboraturi oħra, u kull informazzjoni rilevanti oħra. Imbagħad niltaqgħu miegħek biex niċċaraw l-informazzjoni li jkun hemm bżonn u nsibu punti ta’ kollaborazzjoni. Idealment dan iseħħ fl-istudio tagħna l-Belt Valletta, fejn inkunu nistgħu niggwidak fil-kollezzjonijiet tagħna.
Il-kontenut awdjoviżiv tal-arkivju tagħna huwa aċċessibbli permezz ta’ portal online. Madankollu, id-deskrizzjonijiet ta’ kull oġġett, jew kollezzjoni, jistgħu ma jkunux iddettaljati bl-istess mod fl-arkivju kollu. Għalhekk, jeħtieġ tkunu lesti tqattgħu l-ħin tfittxu fil-kollezzjonijiet skont il-materjal meħtieġ u ċirkostanzi oħra!
Tridu wkoll tkun konxji mid-drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IP) dovuti lis-sidien tal-materjal tagħna u l-qbil tal-użu li Magna Żmien tkun daħlet għalihom. Il-materjal li qed jiġi aċċessat jappartjeni parzjalment lid-donaturi individwali, li jista’ jkollhom bżonn jiġu kkonsultati dwar l-użu tal-materjal tagħhom, skont in-natura tal-proġett tiegħek. Mhux se nużaw oġġetti mill-arkivju tagħna għall-gwadann kummerċjali, u mhux se nikkollaboraw ma’ entitajiet privati fuq proġetti li jeżistu purament għall-qligħ kummerċjali.
Filwaqt li se jsir kull sforz biex jiġu akkomodati t-talbiet għall-kollaborazzjoni, peress li Magna Żmien hija organizzazzjoni volontarja, ir-riżorsi meħtieġa mhux dejjem ikunu disponibbli min-naħa tagħna.