Magna Żmien
Ritratt: kollezzjoni ta’ Għaqda Mużikali Imperial
Studenti ġodda, Mellieħa Imperial Band Club, 1970
Il-preżervazzjoni tal-memorji tal-wirt awdjoviżiv ta’ Malta
Matul is-seklu għoxrin, id-dinja bdiet taqbad l-avvenimenti tal-ħajja ta’ kuljum fuq il-film u t-tejp. Il-Maltin ma kinux t’inqas, u rreġistraw mumenti tal-ħajja tal-familja, is-soċjetà, il-lingwa u l-identità fuq il-film fotografiku, il-pellikola tat-8mm u t-tejp awdjo. Illum dawn l-artefatti u l-kontenut tagħhom saru parti mill-wirt intanġibbli tagħna.
Il-proġett Magna Żmien twaqqaf fl-2018 bħala moviment mill-qiegħ li jippromwovi d-diġitalizzazzjoni u l-preżervazzjoni ta’ dawn il-kollezzjonijiet awdjoviżivi uniċi li jinsabu fid-djar tal-Maltin sabiex jiffurmaw arkivju komunitarju aċċessibbli għar-riċerkaturi u l-artisti.
Magna Żmien bdiet issalva memorji Maltin li nżammew traskurati u jiddeterjoraw fuq mezzi analoġiċi, u ħelsithom mill-formati skaduti tagħhom billi kkonvertiethom f’fajls diġitali. Billi noffru servizz ta’ diġitalizzazzjoni bla ħlas lill-pubbliku, nagħtu lill-individwi u lill-komunitajiet l-aċċess għal xbihat, ħsejjes u narrattivi li qabel kienu mitlufa. Dan il-kontenut huwa kondiviż fuq il-pjattaformi tagħna u permezz tal-attivitajiet tagħna, filwaqt li nippreżervawh għall-ġenerazzjonijiet futuri, u naraw li nħarsu l-aspett tal-kreditu u nirrispettaw xewqat id-donatur. Nemmnu li l-materjal kollu li niġbru fl-arkivju tagħna huwa parti mill-wirt komuni tagħna, u li dan il-wirt għandu jiġi kkurat kif xieraq.