Pawlu Degabriele il-Bies

Ritratt: kollezzjoni ta’ Guża Mifsud

Pawlu Degabriele, il-Bies

Il-mużiċist Oliver Degabriele dan l-aħħar infurmana li kien kiseb recordings tal-bużnannu tiegħu li skopra li ma kien ħadd ħlief l-għannej rinomat Pawlu Degabriele Il-Bies.

Peress li dejjem kien jistaqsi lilu nnifsu minn fejn kienet ġejja l-inklinazzjoni mużikali tiegħu, kien pjaċir kbir tiegħu jiktibilna kelmtejn u jaqsamhom magħna. 

Pawlu l-Bies kien għannej magħruf li twieled fil-11 ta’ April 1908 ż-Żejtun. Ħadem f’diversi xogħlijiet, fosthom ix-xogħol iebes tat-tqandil tal-faħam fil-Port il-Kbir, u aktar tard bħala landier. B’xorti ħażina, kien għama meta kellu ftit aktar minn għoxrin sena. Miet fl-1980, ta’ 72 sena. Jibqa’ favorit fost id-dilettanti tal-folklor għall-vuċi mnikkta u passjonali tiegħu u s-sengħa fit-twassil tal-versi poetiċi tiegħu.

Diffiċli titkellem dwar xi ħadd li qatt ma ltqajt miegħu, u qatt ma kelli x-xorti niltaqa’ mal-bużnannu tiegħi li miet fis-sena li twelidt fiha jien. Pawlu l-Bies huwa eroj folkloristiku, speċjalment iż-Żejtun (fejn għandu bust iddedikat għall-memorja tiegħu) u kien ikanta l-Bormliża b’vuċi unika li ġġiegħlek tpoġġi bilqiegħda u tisma’. Huwa magħruf b’mod speċjali għal “Id-Destin”, għanja li titkellem dwar kif tilef il-vista (ta’ 21-il sena) u kif qatt ma ra l-uċuħ ta’ wliedu, ħlief it-tifel il-kbir tiegħu ta’ sena (nannuwi).

Peress li jien mużiċist, dejjem kont inklinat lejn il-mużika u ndoqq bil-widna ta’ età żgħira ħafna. Dejjem staqsejt lili nnifsi dwar minn fejn ġejja din il-ġibda, għax m’għandi ’l ħadd idoqq xi strument fil-familja. Issa nagħraf li għandi nrodd ħajr lill-bużnannuwi li għaddieli xi ftit minn dik il-maġija.

Oliver Degabriele

“F’ħajti jien kemm kont imqareb,
issa kelli noqgħod kwiet.
Kull fejn jiena ndawwar wiċċi, 
ma narax ħlief dlamijiet.

Ħamest itfal ma’ rajtx ‘il wiċċhomm,
Anke tal-kbir kont insejt.
Kemm hu ikrah bniedem għama,
Min hu bħali jaf xi jgħid.”

Ritratti: kollezzjoni ta’ Guża Mifsud
Awdjo: kollezzjoni ta’ Oliver Degabriele

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *