A Sense of Place
Emanuel Borg

A Sense of Place
Il-Kalkara permezz tal-ħidma ta’ Emanuel Borg

Is-Sala Parrokkjali, il-Kalkara
3 – 11 ta’ Novembru, 2018

Kuratriċi tal-Wirja: Charlie Cauchi
Direttur Artistiku: Andrew Alamango
Maniġer tal-Proġett:: Nicole Blackman

Disinn tal-Wirja u l-Katalgu: Jon Banthorpe
Sound Designer: Robert Farrugia
Video Collage: Tiny Island Studio
Relazzjonijiet Pubbliċi u Komunikazzjonijiet: Janelle Borg

Fotografija tal-wirja: Elisa Von Brockdorff

Ritratti ta’ Emanuel Borg (kollezzjoni ta’ John Borg)

Emanuel Borg (1922–2012) beda l-karriera tiegħu bħala fotografu professjonali eżatt wara t-Tieni Gwerra Dinjija. L-ewwel ritratti mill-istudjo tiegħu jmorru lura għall-1947. Fis-snin ħamsin, kien involut fit-twaqqif tad-dipartiment fotografiku tal-Bord tat-Turiżmu ta’ Malta, u matul avvenimenti nazzjonali kien regolarment sekondat mad-Dipartiment tal-Informazzjoni. Borg kien wieħed mill-ewwel membri tas-Soċjetà Fotografika ta’ Malta, li twaqqfet fl-1961, u kien il-fotografu tal-istills fuq is-sett tal-film Treasure in Malta (1963). Il-ġabra ta’ ritratti u negattivi tiegħu ġiet mgħoddija lil Magna Żmien għad-diġitizzazzjoni minn wieħed mill-erbat itfal tas-Sur Borg, John.

Il-kollezzjoni ta’ Emanuel tiġbor ix-xogħol ta’ karriera, b’mijiet ta’ ritratti, negattivi, ħġiġiet u slajds, li jiddokumentaw l-istorja komuni tan-nies tal-Kalkara u ż-żona tal-port. Dawn ix-xogħlijiet intwerew lill-pubblika għall-ewwel darba, f’wirja li tagħti ġieħ lil Emanuel Borg, u li xogħlu, min-naħa l-oħra, jagħti ġieħ lill-belt lill-poplu ta’ Kalkara, tal-imgħoddi, tal-lum, u tal-ġejjieni. 

Nafuh lil John Borg li qasam magħna din il-kollezzjoni sabiħa u ta opportunità unika lill-pubbliku jara xogħol missieru fi spazju pubbliku.

Sponsorjata mill-Valletta 2018
Kapitali Ewropea tal-Kultura

Appoġġjata mill-
Paroċċa San Ġużepp Kalkara

Mill-katastrofiku għall-ħwejjeġ tal-ħajja ta’ kuljum, mid-drammatiku għall-intimu, xogħol Emanuel Borg huwa l-punt fokali ta’ din il-wirja, li ġiet ikkummissjonata minn Magna Żmien. Id-Direttur Artistiku Andrew Alamango avviċinani biex nieħu ħsieb il-kurazija ta’ dan l-avveniment. Insista li l-wirja ssir il-Kalkara, il-post fejn twieled il-fotografu u l-isfond ta’ ħafna mir-ritratti tiegħu. Kienet xi ħaġa mill-isbaħ li seta’ jinġieb ix-xogħol tiegħu lura fil-post li kien isejjaħ daru.

Fuq idea ta’ Magna Żmien, ir-ritratti li dehru f’din il-wirja kollha ttieħdu l-Kalkara, kemm jekk dawk fuq barra kif ukoll fl-istudio ta’ Emanuel. Xi wħud ġew ikkummissjonati, oħrajn ittieħdu għall-gost, u l-biċċa l-kbira ta’ xogħlu ma ġietx kondiviż amal-pubbliku. Il-ġabra, mgħoddija lil Magna Żmien minn John, iben Emanuel, tinfirex fuq medda ta’ 40 sena, mill-Erbgħinijiet sat-Tmeninjiet, u tipprovdi viżjoni unika tal-ħajja f’dawk iż-żminijiet.

Ħdimt mill-qrib ma’ John, li għinni bil-paċenzja kollha ndur il-kollezzjoni. Sikwit qagħdna bilqiegħda flimkien niflu r-ritratti, u kien jindika b’entużjażmu kif inbidel il-pajsaġġ tal- Kalkara — toroq ġodda qed jieħdu post mogħdijiet nofshom mibnija, bini ineżistenti issa mibni u lest. Xi drabi ma setax jidentifika post minħabba li kienu seħħew tant bidliet. Il-bidliet soċjali, politiċi u kulturali ta’ dawn l-aħħar erba’ deċennji huma mifruxa hawn quddiema, bl-iswed u l-abjad, u xi kultant, b’kulur vibranti.

Minbarra l-pajsaġġi, hemm sensiela ta’ ritratti ta’ kumitati, gruppi jew timijiet. L-aktar sinifikanti għal Kalkara jistgħu jkunu dawk marbuta mar-Regatta. “Dan,” infurmani, “kien l-uniku sport ta’ vera dak iż-żmien. Il-Kalkara kellha tim tar-Regatta saħansitra qabel ma kellha tim tal-futbol.” Il-Kalkara kellha wkoll tim tal-cricket, li kien jilgħab kontra t-truppi Brittaniċi. Borg irnexxielu jiddokumenta dawn il-mumenti żgħar tal-istorja.

Fil-kollezzjoni jeżistu tipi oħra ta’ ritratti. Dawk l-aktar intriganti għalija huma r-ritratti meħuda fl-istudio tiegħu. Skont John, Emanuel kellu studio Triq ir-Rinella, it-triq prinċipali tal-Kalkara — “l-unika triq lura dak iż-żmien.” Bil-kontra tal-fotografija tat-toroq tiegħu, dawn ix-xbihat huma ffabbrikati konxjament. Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ tiġijiet, għeluq snin, u anniversarji, hawnhekk il-memorji qed jiġu ffurmati billi s-suġġetti jitqiegħdu f’kuntest ivvintat: ġnien, sala kbira, forsi anki l-ġenna. L-isfond ineħħi s-suġġetti tiegħu mir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum, u jittrasportahom lejn xi mkien maġiku, ’il bogħod mill-ġebla mbajda mix-xemx u r-radam ta’ Malta ta’ wara l-gwerra. Xi drabi, Emanuel jinkorpora l-kostumi u l-props. Inkludejt f’din il-wirja l-uniku sfond li baqa’, imdendel fl-istudio tal-fotografu f’Kalkara. L-isfondi l-oħra ntilfu. John isemmi li wieħed minnhom kien saħansitra inkesa meta l-istudio sar grocer fis-snin ta’ wara.

Meta beda d-dipartiment tal-fotografija għall-Bord tat-Turiżmu ta’ Malta, Emanuel iċċaqlaq mill-istudio u beda jaħdem mid-dar, b’John ifakkar li l-familja dejjem kellha darkroom fid-dar. Kellu karriera twila, iżda xorta ħa r-ritratti għall-gost.

Din il-wirja qajla tagħti l-istampa kollha. John għandu mijiet ta’ ritratti fil-kollezzjoni personali tiegħu stess, li ħafna minnhom ġentilment tahom lil Magna Żmien, u b’hekk il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri qed jingħataw l-opportunità li jinvolvu ruħhom fix-xogħol ta’ missieru. Għalija, ix-xogħol ta’ Emanuel jifforma parti intrinsika mill-wirt kulturali tagħna, u nittama li din il-wirja rnexxielha twassal il-passat tiegħu għall-ġurnata tal-lum.

Charlie Cauchi, kuratriċi tal-wirja

In Focus: The John Borg Collection (Charlie Cauchi, 2018)

Il-Lejla tal-Ftuħ tal-Wirja