Pawlu Degabriele il-Bies
Ritratt: kollezzjoni ta’ Guża Mifsud
Pawlu Degabriele, il-Bies
Il-mużiċist Oliver Degabriele dan l-aħħar infurmana li kien kiseb recordings tal-bużnannu tiegħu li skopra li ma kien ħadd ħlief l-għannej rinomat Pawlu Degabriele Il-Bies.
Peress li dejjem kien jistaqsi lilu nnifsu minn fejn kienet ġejja l-inklinazzjoni mużikali tiegħu, kien pjaċir kbir tiegħu jiktibilna kelmtejn u jaqsamhom magħna.
Pawlu l-Bies kien għannej magħruf li twieled fil-11 ta’ April 1908 ż-Żejtun. Ħadem f’diversi xogħlijiet, fosthom ix-xogħol iebes tat-tqandil tal-faħam fil-Port il-Kbir, u aktar tard bħala landier. B’xorti ħażina, kien għama meta kellu ftit aktar minn għoxrin sena. Miet fl-1980, ta’ 72 sena. Jibqa’ favorit fost id-dilettanti tal-folklor għall-vuċi mnikkta u passjonali tiegħu u s-sengħa fit-twassil tal-versi poetiċi tiegħu.
Diffiċli titkellem dwar xi ħadd li qatt ma ltqajt miegħu, u qatt ma kelli x-xorti niltaqa’ mal-bużnannu tiegħi li miet fis-sena li twelidt fiha jien. Pawlu l-Bies huwa eroj folkloristiku, speċjalment iż-Żejtun (fejn għandu bust iddedikat għall-memorja tiegħu) u kien ikanta l-Bormliża b’vuċi unika li ġġiegħlek tpoġġi bilqiegħda u tisma’. Huwa magħruf b’mod speċjali għal “Id-Destin”, għanja li titkellem dwar kif tilef il-vista (ta’ 21-il sena) u kif qatt ma ra l-uċuħ ta’ wliedu, ħlief it-tifel il-kbir tiegħu ta’ sena (nannuwi).
Peress li jien mużiċist, dejjem kont inklinat lejn il-mużika u ndoqq bil-widna ta’ età żgħira ħafna. Dejjem staqsejt lili nnifsi dwar minn fejn ġejja din il-ġibda, għax m’għandi ’l ħadd idoqq xi strument fil-familja. Issa nagħraf li għandi nrodd ħajr lill-bużnannuwi li għaddieli xi ftit minn dik il-maġija.
Oliver Degabriele
“F’ħajti jien kemm kont imqareb, issa kelli noqgħod kwiet. Kull fejn jiena ndawwar wiċċi, ma narax ħlief dlamijiet. Ħamest itfal ma’ rajtx ‘il wiċċhomm, Anke tal-kbir kont insejt. Kemm hu ikrah bniedem għama, Min hu bħali jaf xi jgħid.”
Pawlu with Mikiel Abela on the occasion of winning Imnarja folksinging trophies, late 1950s Żeppi Abela il-Fenka, Pawlu, Mikiel Abela Pawlu with Mikiel Abela il-Bambinu
Ritratti: kollezzjoni ta’ Guża Mifsud
Awdjo: kollezzjoni ta’ Oliver Degabriele