Il-Maltin fit-Tuneżija

Ritratt: kollezzjoni ta’ Joseph Mangani

Il-Maltin fit-Tuneżija

Minkejja li arċipelagu f’nofs il-Mediterran, ta’ spiss ninsew li Malta għandha storja mill-qrib u profonda mal-pajjiżi ġirien tagħha, speċjalment dawk fl-Afrika ta’ Fuq.

Fuq vjaġġ ta’ riċerka u ġbir it-Tuneżija, Andrew Alamango, il-fundatur u d-direttur artistiku ta’ Magna Żmien, ltaqa’ ma’ xi Maltin ta’ Tuneż li qasmu l-memorji, l-aneddoti u l-istejjer tal-komunità tagħhom li dari kienet waħda ħajja u vibranti.


Il-Maltin f’Tuneż kienu magħrufa bħala produtturi ta’ qoton ta’ kwalità, xufiera tal-karozzini, u għall-pastizzi, u ħallew il-marka tagħhom fuq is-soċjetà Tuneżina anki sal-lum. Kienu wkoll assoċjati b’mod partikolari mal-ħwienet tal-laħam, b’mod partikolari l-laħam taż-żiemel kif ukoll tal-majjal. Ħafna minn dawn kellhom il-ħwienet fis-suq lokali ta’ Tuneż, il-Marché Central f’Rue de Allemagne.

Għalkemm il-komunità Maltija f’Tuneż iddiżintegrat wara s-snin ħamsin, wieħed xorta jista’ jsib fdalijiet tal-imgħoddi, li jfakkru fiż-żmien tal-preżenza qawwija u rikka tal-Maltin fil-pajjiż. 

Il-Maltin għadhom miftakra b’mod partikolari minħabba l-qrubija tal-lingwa u l-mod kif integraw fis-soċjetà Tuneżina u ħallew il-marka tagħhom fuqha. Ir-rabta bejn iż-żewġ pajjiżi għadha b’saħħitha llum u kull min jivvjaġġa lejn u mit-Tuneżija żgur li jiltaqa’ mal-frażi “Malta ħanina, ħobża u sardina.

Illum jirrakkontaw l-istejjer ta’ kif għexu b’mod armonjuż flimkien ma’ kulturi oħra filwaqt li komplew bit-tradizzjonijiet reliġjużi u kulturali Maltin tagħhom, u integraw mas-soċjetà liberali u kulturalment diversa tat-Tuneżija li kienet miftuħa għall-Mediterran u l-poplu tiegħu.

Ritratt partikolarment interessanti huwa dak tal-familja Temimi. ln-nanna kienet Antoinette Zammit minn Ħamrun. Antoinette ħadmet bħala stewardess fuq il-vapur ta’ bejn Malta u t-Tuneżija fil-bidu tas-snin tletin, u fuq dan l-istess vapur, iltaqgħet u bdiet tinnamra ma’ Mohamed Taoufik Temimi, u spiċċaw iżżewġu. 

Kollezzjoni ta’ Hatem Temimi

Antoinette ġarret minn Malta għat-Tuneżija u bdiet tgħix f’La Fayette, fejn rabbiet il-familja tagħha. Lil Antoinette llum għadhom jiftakruha bħala Nanna Ferida Temimi mill-Ħamrun u għalkemm hemm biss ftit dixxendenti ta’ din il-komunità, għad għandhom għal qalbhom il-gżira tal-oriġini tagħhom. Xi wħud kisbu wkoll in-nazzjonalità Maltija.

Kollezzjoni ta’ Hatem Temimi

L-Ambaxxata ta’ Malta f’Tuneż qed tipprova wkoll iżżomm dawn ir-relazzjonijiet, fosthom bil-pubblikazzjoni ta’ riċerka dwar Maltin ta’ Tuneż magħrufa, fosthom l-iskoperta li l-perit eminenti Malti Ġużè D’Amato, li ddisinja l-bażilika ikonika tal-Madonna tal-Karmnu l-Belt Valletta, twieled u ggradwa t-Tuneżija.

Leave a Reply

Your email address will not be published.